Bee Cool – Plant Trees!

Bħala parti mill-proġett tagħna Bee-Aware għamilna esperiment żgħir biex nevalwaw l-impatt tas-siġar fuq it-temperatura tal-ambjent tal-madwar. Sejjaħnielu: “Bee Cool – Ħawwel is-Siġar!”

Mexxi s-slider lejn ix-xellug u lejn il-lemin biex tqabbel il-qari tat-temperatura

Nhar il-Ħamis 20 ta’ Lulju, fis-1:20pm, ix-xemx kienet fl-aqwa tagħha – bit-termometra jimmarka 39°C (fid-dell!) Madankollu, it-tim ta’ żgħażagħ tagħna ma beżgħux joħorġu u jħabbtu wiċċhom mal-elementi, b’kawża nobbli f’moħħhom – biex jipprovaw li t-tħawwil tas-siġar huwa ‘cool’ !

Bee Cool Temperature

Il-pjan kien li nsibu żewġ toroq qrib xulxin, waħda bis-siġar mal-ġnub tagħha u oħra vojta minn kull ħdura. Qbilna dwar Triq il-Wied, Birkirkara u l-Old Railway Track, Santa Venera – 175 metru biss ’il bogħod minn xulxin, meta tkejjel f’linja dritta.

Bee Cool Location Distance

Irridu nammettu li m’aħniex xi xjenzati kwalifikati, iżda ppruvajna napplikaw l-għarfien kollu li ksibna kollettivament matul snin ta’ esperimenti tax-xjenza fil-livell sekondarju u għarfien ġenerali. Għalkemm l-esperiment tagħna qatt m’hu se jiġi ppubblikat f’xi ġurnal xjentifiku, għandu jagħti indikazzjoni tajba tal-effett li s-siġar għandhom biex itaffu mis-sħana qalila tas-sajf Mediterran.

Bee Cool Temperature Reading

Għal kull triq ħadna numru ta’ qari ta’ temperaturi u mbagħad ħadna l-medja għal kull wieħed u waħda minn dawn li ġejjin:

  • Tarmak tat-triq
  • Bankina
  • Ħajt
  • Karozza ta’ kulur ċar
  • Karozza ta’ kulur skur

Ir-riżultati għandhom m’nejn jissorprenduk:

Bee Cool Results

Mela allura issa għandna l-provi – t-tħawwil tas-siġar huwa COOL! 😎

Is-siġar joffru bosta benefiċċji, li għandhom rwol vitali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tal-mewġ tas-sħana. L-enfasi fuq l-isforzi tat-tħawwil tas-siġar tista’ ttejjeb ir-reżiljenza kontra s-sħana estrema, trawwem il-bijodiversità, u tikkontribwixxi għal futur sostenibbli fost l-isfidi tat-tibdil tal-klima. Allura, Bee Cool – Ħawwel is-Siġar!

U għax-xjentisti aspiranti:

Is-siġar jaġixxu bħala bjar tal-karbonju, jassorbu u jaħżnu d-dijossidu tal-karbonju mill-atmosfera, jgħinu biex jiġu bbilanċjati l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jnaqssu r-rata it-tisħin globali. Permezz tal-fotosintesi, is-siġar jikkonvertu CO2 f’ossiġnu, u jtejbu l-kwalità tal-arja u jnaqqsu l-effett tat-trappament tas-sħana. Matul il-mewġ tas-sħana, jipprovdu dell essenzjali, ibaxxu t-temperaturi u jnaqqsu l-‘urban heat island effect‘ fl-ibliet. Barra minn hekk, permezz tat-transpirazzjoni, is-siġar jirrilaxxaw fwar tal-ilma, u b’mod naturali jkessħu l-arja.

L-inizzjattiva Bee-Aware

Aqra dwar il-proġett Bee-Aware biex titgħallem dwar l-importanza ta’ pollinaturi bħan-naħal u x’tista’ tagħmel biex tgħin kontra t-tnaqqis tagħhom.

Għinna Nqajmu Kuxjenza!

Jekk jogħġbok għinna nqajmu kuxjenza billi taqsam dan l-artiklu fuq il-midja soċjali tiegħek billi tuża l-ikoni t’hawn taħt u żid il-hashtag #BeeAwareEU – GRAZZI!